|
|
Post by brikkun on Nov 30, 2008 9:01:38 GMT 1
Kemm inhabbar li l-Brikkuni huma r-rebbieha ta l'edizzjoni ta din is-sena tal-Festival Ghanja tal-Poplu.
Bhala rebbieha rcevejna qarn kbir tac-ceramika li jhabbatha ma dak ta' l-izjed Rinoceront perikoluz jimrah fis-Savannah Afrikana.
Wara morna hadna drink f'bar ta' l-ultras Beltin gewwa l-Mandragg fejn spiccajna nakkumpanjawhom f'verzjonjiet ekklatanti ta kanzunetti li t-titli taghhom ivarjaw minn
F'Ghoxx tal-Furjana
sa........
Taht il-Logog Mejtin.
Esperjenza umana ta vera.
Surreali ostja
|
|
|
Post by brikkun on Dec 2, 2008 23:03:35 GMT 1
META L-IMQARBIN IKUNU BRAVI
Ma nafx x’fettilli, f’Novembru li għadda, mort għat-tnedija tas-CD Kuntrabanda tal-banda lokali Brikkuni. Miniex xi wieħed li mmur wisq kunċerti; biżżejjed ngħid li qabel it-tnedija ta’ din is-CD, l-aħħar kunċert li mort kien erba’ snin ilu meta mort nisma’ l-banda żingara – Langa – li daqqew f’nofs imkien qalb id-dwieli fil-Punent tas-Slovenja u f’nofs ta’ lejl ġennew lil kulħadd bir-ritmi ġitani.
Il-Brikkuni huma grupp ta’ artisti li kif jixhed isimhom stess, huma mqarbin ħafna. B’daqshekk mhumiex partikolari għaliex li tkun imqareb hija moda f’ċerti ċrieki artistiċi. Id-differenza bejn il-Brikkuni u sorsi oħra tal-pastażati hija li hawnhekk għandna grupp ta’ artisti mqarbin li huma bravi. Il-Brikkuni huma combo ta’ mużiċisti li jafu l-istrument sew, mhux biss għax jafu jdoqquh, imma għax jafu jikkomponu għalih, jafu jagħmluh jitkellem, jikkomunika mas-semmiegħa. Il-mużika tagħhom tixhed li huma grupp ta’ artisti eklettiċi ħafna: hemm il-ħsejjes tal-mużika rock; hemm il-ħsejjes tal-ġenn ta’ xi banda bħal No Smoking Orchestra ta’ Emir Kusturica; hemm il-klassiku fl-isfond u anki fuq quddiem, bħal ngħidu aħna elementi tal-furniture music; hemm il-ħoss tal-kantawturi, partikolarment dawk minn Ġenova, ovvjament tinħass l-influwenza ta’ De Andrè; il-ħoss folk. Dawn huma grupp ta’ artisti li l-brikkunati tagħhom, ħafna drabi irreverenti ħafna, jagħmluhom bi bravuri kbar. Illum saret pjuttost faċli u tal-moda li tkun irreverenti, imma l-Brikkuni jmorru ħafna lilhinn. Terġa’, l-irreverenza tagħhom hija studjata.
Mill-politikanti, sal-Knisja; minn dawk li jħobbu jidhru fuq it-televixin u jmexxu l-programmi u jitimgħu lin-nies l-opinjonijiet, sal-avvocati yuppies li jilbsu l-ingravajjet kull kulur u jintefgħu l-Jubilee; mill-faxxisti sal-artisti ... dawn kollha jispiċċaw fil-mira tal-lirika punġenti tal-Brikkuni. La qegħdin insemmu l-lirika, irridu ngħidu li l-kliem ta’ dawn il-kanzunetti huma poeżiji maħdumin, li min kitibhom fortuntament nesa li l-pop Malti tradizzjonalment illimita ruħu għat-tradizzjoni tal-inħobbok u tal-għalfejn-tlaqtni u tal-kif-se-mmut-mingħajrek. Il-Brikkuni jitkellmu fuq ħafna affarijiet li għalkemm topiċi ftit huma l-artisti li jitkellmu dwarhom apertament. L-album jiftaħ b’“L-Assedju ż-Żgħir”, omaġġ lill-immigrant irregolari, lill-klandestin, lill-illegali li jispiċċa fuq il-Blata l-istess bħalma jispiċċa l-pitiross fit-trabokk. L-omaġġ mhuwiex irromantiċizzat, u fil-fatt anki s-suġġett ta’ din l-għanja jaqa’ taħt is-satira kattiva tal-Brikkuni. Għax jista’ jkun li huma, ċittadini nattivi tal-Blata, ukoll jiddispjaċihom li d-destin tefagħhom hawnhekk. Ma jistax ma jiddispjaċihomx meta l-oligarkija tal-Blata għadha ffurmata mill-famużi “Eletti”, il-politikanti omnipotenti li ħadd ma jista’ għalihom. Dawn, iżda, mhumiex l-uniċi nies fil-poter li l-Brikkuni jissatirizzaw bla ħniena. Anzi, aktar milli l-politikanti, huma l-potenti tal-media li jaqgħu fl-għarbiel sarkastiku ta’ Kuntrabanda: il-ġurnalisti tal-Where’s Everybody, Daphne Caruana Galizia, iċ-ċelebrità televiżiva Eileen Montesin. Dawn ukoll għandhom il-poter li jmexxu lill-Malti komuni, jimlulu rasu bl-opinjonijiet li jriduh jaddotta, u jiggvernaw mill-kaxxa tat-tv, mill-paġni tal-ġurnali. L-eletti jinbidlu f’allat żgħar u f’waħda mill-biċċiet l-aktar interessanti tal-album – “Kollox Suġġettiv” – il-Brikkuni jserrħulna rasna li mhux biss hemm ħajja wara l-mewt, imma fiha hemm ġenna f’forma ta’ stedina fuq programm ta’ Montesin.
Hija ovvja li l-Brikkuni għandhom qalbhom taħraq għall-individwu mingħajr isem. L-għażla tal-ġeneru popolari fl-idjoma tal-lirika, fil-ħoss u fil-kantaliena ta’ ċerti biċċiet, hija għażla konxja minkejja li l-mużiċisti huma provenjenti minn irkejjen diversi ħafna tal-kamp mużikali Malti. Dan faċli jinstema’ f’“Il-Gadazz Ġiljan”, dak li “l-knejjes iqabbduh il-bard” u li vizzji għandu iżjed minn kemm għandu xagħar f’rasu; jew dak li f’“Kontra Kollox u Kulħadd” jintlaqa’ bi tbissima mill-uffiċjali tal-bank biex jisseduċuh jixtri polza tal-assigurazzjoni ħalli jassikuraw li flusu ma jibqgħux tiegħu. Madankollu, l-attitudni pop tagħhom ma tissarrafx f’espressjoni ta’ kafkaf, jew fi klixejiet infantili tal-adoloxxenza li tieħu gost iddaħħal il-ħoss taż-żeta u l-exxe kulmeta jiftlilha biex tixxokkja, f’dilettantiżmu li jfakkrek fit-taqbiliet medjokri tal-marċi ta’ filgħodu taħt id-dublett ta’ Malta liebsa l-elmu u l-korazza fuq kolonna tal-misraħ, jew il-kliem vojt u banali tal-kanzunetti tipiċi tal-Eurovision. L-espressjoni pop ta’ dawn l-imqarbin tinstema’ fit-trattament tat-temi, fl-idjoma awdaċi li ma taċċettax li twarrab il-lingwaġġ tan-nies jew li tiċċensurah. Madankollu – u dan hu li jagħmel lil dil-banda tassew speċjali – il-popolariżmu jidħol f’tandem feliċi mal-artistrija, mat-tħaddim artistiku tal-lingwa, mal-metaforizzazzjoni inkredibbilment interessanti ta’ dan il-grupp. Indubbjament, Kuntrabanda, huwa ritratt grottesk ta’ Malta fil-bidu tal-millennju. Dak kollu li jaqa’ bejn il-“qħab u l-pirmli li jduru” fil-“Bar ta’ Taħt il-Knisja”, u l-installation artists li jesebixxu l-arti elitista tagħhom li ħadd ma jifhem għalkemm xogħolhom huwa diskuttibbli għax “Kollox Suġġettiv”, isib ruħu fl-ixkora xxewwek tal-Brikkuni. Sat-tradutturi u l-avukoti li jitilgħu jistagħnew “Brussell” isibu rwieħhom jiżżeffnu fil-mużika tal-Brikkuni.
L-album jispiċċa b’kanzunetta funebri. Il-valz trist, minkejja li malinkoniku, xorta waħda għandu kurrenti umoristiċi fih, tant hu hekk li mbagħad jaqleb għal valz b’temp ċelebri. Imma wara dak it-tnelliħ kollu l-Brikkuni jiddeċiedu li jisserjaw – bil-mod tagħhom. Tisma’ “Il-Funeral tal-Baberun” tistħajlek qed tara l-aħħar xeni tal-film “Irmied u Djamanti” ta’ Wajda, meta grupp ta’ nies, wara lejl xorb minn dak li jaħraq ħafna u debuxxar, iġiegħlu lill-mużiċisti li kienu ilhom idoqqu l-jazz għal lejl sħiħ jimprovizzawlhom fuq il-Polonnaise ta’ Chopin u jiżfnu triqthom lejn il-baħħ. Dan huwa l-għeluq ta’ banda li minkejja t-tbissim li tagħti lis-semmiegħa tagħha, trid tfakkar li huwa tbissim serju dwar il-meskinità, il-medjokrità ta’ pajjiż li għadu ma jridx jifhem li jinsab f’dinja, pajjiż b’mexxejja li għandhom minn kollox minbarra sens ta’ kultura. L-istess bħall-buffu li jispiċċa waħdu quddiem il-mera huwa u jimsaħ l-irtokk oħxon minn ma’ wiċċu. “Il-Funeral ta’ Baberun” huwa funeral buffunesk, bħal kull ħaġa li tmiss ma’ dan il-pajjiż. Għax kif jinstema’ f’ “Żufjett” – li għalija hija ġemma ta’ kanzunetta, omaġġ tal-Brikkuni lilhom infushom u lill-brikkuni kollha bħalhom – jista’ jkun li s-semmiegħa ta’ Kuntrabanda se jitbissmu u jaħsbuhom baħnana għax dawn il-mużiċisti jimxu dejjem daħkana bil-pastażati tagħhom. Madankollu, irridu nintebħu li ż-żifna li qegħdin jipproponulna għandha “ritmu mkisser” bit-temp jitħabbat fuq “tanbur mifqugħ”.
Taħt il-brikkunati, in-nelħ u l-buffunati, jaf hemm l-iskumdità tal-artisti inkazzati.
Immanuel Mifsud
|
|